Kors tal-kitba tal-esej letterarju dwar xi mkien
Bejn nofs Ottubru u l-bidu ta’ Diċembru, bħala parti mill-proġett internazzjonali Essays Beyond Borders immexxi mill-Prof. Mario Aquilina, se nagħmel kors prattiku ta’ seba’ sessjonijiet ta’ sagħtejn ta’ kitba tal-esej letterarju bil-Malti għall-istudenti tal-Università. (Għall-pubbliku inġenerali se jsiru sessjonijiet apparti.) Dan ġeneru ta’ kitba letterarja li joffrilna ħafna possibilitajiet u nemmen li kapaċi jgħinna nirrakkontaw l-esperjenzi personali u kollettivi ta’ żmienna.
Is-seba’ sessjonijiet se jkunu bla ħlas u se nagħmilhom nhar t’Erbgħa bejn 12.00pm u s-2.00pm fuq il-kampus Tal-Qroqq.
Il-postijiet huma limitati għax nixtieq li jkollna ħafna ħin biex nara ix-xogħol individwali tal-parteċipanti u fejn nistgħu niddiskutuh flimkien. Għalhekk, inħeġġiġkom ħafna biex tinkitbu. Imma jekk taħsbu li mhux se tkunu tistgħu tattendu regolarment, ikun aħjar jekk tħallu l-post għal ħaddieħor.
Il-kors huwa parti mill-programm tad-DegreePlus u għalhekk jitniżżel fit-transcript tal-istudenti u fl-aħħar jingħata ċertifikat.
Nixtieq ukoll li l-esejs li jilħqu l-livell mixtieq (skont bord imwaqqaf apposta) jiġu ppubblikati fuq is-sit uffiċjali ta’ Essays Beyond Borders biex ikun jista’ jaqrahom kulħadd.
Deskrizzjoni tal-Kors
Se niktbu fuq post. Pubbliku. Idealment f’Malta. Post li jfisser ħafna għalina. Imqar jekk żornieh darba biss. Jew nafu lil min għadda minn hemm. Jew sibna ruħna fih bla ħsieb. U issa nbidel għalkollox. Jew għadu eżatt l-istess. Imma mhux għalina. Għalina issa nbidel. Inbidlu l-ġrajjiet li jseħħu ġo fih. Inbdilna aħna. Inbidlu l-irkejjen u d-dellijiet. Post li nistgħu nfittxu l-istorja tiegħu qabel ma sirna nafu bih. Post li fixkilna. Li biddilna. Li ħelisna. Post li miegħu ntilfu l-logħbiet u l-ġlidiet, il-ħbiberiji u l-imħabbiet. Post li kien tagħna u issa sar tan-negozjanti tal-artijiet. Jew inħakem mill-ġdid mill-kampanja.
L-esejs personali, letterarji tagħna, se jirrakkontaw Malta li qed tinbidel b’ħeffa li forsi l-esej biss jista’ jlaħħaq magħha.
Dan huwa l-programm tas-sessjonijiet, dejjem l-Erbgħa bejn 12.00pm u s-2.00pm:
- 16 ta’ Ottubru 2024
- 23 ta’ Ottubru
- 30 ta’ Ottubru
- 6 ta’ Novembru
- 13 ta’ Novembru
- 27 ta’ Novembru
- 4 ta’ Diċembru
Biex tinkitbu għall-kors kemm tibagħtuli email fuq adrian.grima@um.edu.mt.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus+.
Adrian Grima
English version
The Department of Maltese at the University of Malts is involved in this innovative project through the participation of Prof. Adrian Grima. Essay writing workshops in both Maltese and English will be held in Malta in 2024 and 2025. Sessions will be offered to postsecondary students, university students, and also to people in the community, including writers.